“Ifraħ! Jum ġdid Malta, sebaħ għalik;
F’artek, Sultana, kulħadd mgħaxxaq bik.”
Dawn huma versi mill-innu “Lil Malta f’Jum il-Ħelsien”, miktub mill-poeta Karmenu Vassallo. Bil-Gvern ta’ Dom Mintoff kien ikkummissjona lill-kompożitur Grieg, Mikis Theodorakis biex jikkomponi l-mużika ta’ dan l-innu.
Dan l-innu ndaqq dakinhar tal-31 ta’ Marzu tal-1979, meta fil-monument fil-Birgu tniżżlet il-bandiera Ingliża u minflokha telgħet il-bandiera bajda u ħamra, dik Maltija. Dakinhar wassal biex il-bażi militari Ingliża ħalliet pajjiżna wara mija disgħa u sebgħin sena f’pajjiżna.
It-triq għal dakinhar ma kinitx waħda faċli. Dan seħħ wara snin twal ta’ ħakkiema barranija jikkmandaw lill-artna.
Il-poplu qam kontra l-ħakma barranin fl-irvellijiet tas-Sette Giugno tal-1919, meta dakinhar xerrdu demmhom erba’ Maltin. Aktar tard fl-istess seklu, il-ħaddiema Maltin qamu wkoll kontra l-ħakma Ingliża, fl-Istrajk Ġenerali tat-28 t’April tal-1958.
Wara negozjati mal-Ingliżi tawna l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru tal-1964. Dakinhar il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, George Borg Olivier iffirma Trattat ta’ Difiża mal-Gvern Ingliż għal għaxar snin.
Dan it-trattat reġa’ ġie nnegozzjat wara li l-Partit Laburista telgħa fil-Gvern fl-1971.
F’Marzu ta’ sena wara, il-Gvern Malti ffirma ftehim mal-Gvern Ingliż sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979 jitilqu darba għal dejjem minn pajjiżna. F’dan il-perjodu ta’ seba’ snin, l-Ingliżi ntrabtu li jħallsu t-triplu minn dak li nnegozzja Gvern Nazzjonalista.
Dakinhar tal-wieħed u tletin ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin, baħri Ingliż niżżel il-bandiera tar-Renju Unit u ħaddiem tat-tarzna Alfred Xuereb tella’ l-bandiera Maltija.
Fix-Xatt tal-Birgu kien hemm eluf ta’ Maltin li ċċelebraw din l-akbar festa li qatt ra pajjiżna, minkejja li kienet il-kesħa u r-riħ.