Bħal-lum, 45 sena ilu twettqet il-ħolma tal-General Workers’ Union, li jitwaqqaf monument f’ġieħ il-ħaddiema Maltin u Għawdxin, li wkoll jirrappreżenta d-dinjità li jagħti x-xogħol.
Il-monument, li nħadem mill-iskultur famuż Anton Agius, inħoloq fl-Imsida, l-istess post fejn kienet twieldet din l-akbar trejdunjin f’pajjiżna. Biex sar, il-GWU kienet ġabret il-flus f’kampanja kbira li għamlet u, minbarra l-ħaddiema nfushom, ikkontribwew diversi għaqdiet u każini, inkluż tal-Partit Laburista.
B’hekk inħoloq monument li jigglorifika l-iprem riżorsa li għandu pajjiżna – il-ħaddiem.
Hi bis-saħħa tal-bżulija tal-ħaddiema li, illum, pajjiżna wkoll qed jagħmel tant progress u jimxi ’l quddiem fit-triq tal-iżvilupp f’kull lat tal-ħajja.