L-inizjattiva tal-Gvern immirata sabiex iġġib lura ċwievet ta’ djar ta’ akkomodazzjoni soċjali wasslet sabiex ħamsa u erbgħin proprjetà pubblika ġew ritornati f’idejn l-Awtorità tad-Djar, liema proprjetajiet ġew allokati lil persuni fil-bżonn.
Din l-iskema u hija mmirata sabiex anzjani li jgħixu f’residenzi tal-anzjani, iżda għad għandhom iċ-ċwievet ta’ akkomodazzjoni soċjali jirritornaw iċ-ċwievet permezz ta’ inċentivi.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes, li stqarr kif dawn l-inċentivi sarrfu f’suċċess.
Roderick Galdes stqarr, “Din l-iskema kienet ta’ suċċess għax f’dawn l-aħħar sentejn inġabru għexieren ta’ ċwievet li minnhom illum qed jitgawdew minn familji ġodda li qiegħdin jidħlu f’dawn id-djar. Għaldaqstant qed inkomplu nġeddu din l-iskema, qed inkomplu nipromwovu din l-iskema biex inkomplu ngħinu aktar familji.”
Spjega kif l-inċentiv wassal sabiex l-anzjani li rritornaw iċ-ċwievet b’mod volontarju, issa jifrankaw sa massimu ta’ elfejn u seba’ mitt ewro fis-sena, hekk kif dawn il-fondi m’humiex se jibqgħu jitnaqqsu mill-pensjoni tagħhom għal spejjeż relatati mar-residenzi tal-anzjani.
Intant il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia stqarr kif din l-inizjattiva hija biss waħda mid-diversi inizjattivi mmirati sabiex itejbu l-ħajja tal-anzjani, u din id-darba permezz ta’ din il-ħidma, se jkunu qed igawdu wkoll nies fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru Farrugia rrimarka, “Il-ħidma tal-Gvern tkompli, din id-darba bejn l-Awtorità tad-Djar, il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità attiva, b’koperazzjoni mod speċjali għal dawk l-anzjani li jħallu darhom, speċjalment darhom li tkun tappartjeni l-Awtorità tad-Djar u jidħlu ġewwa San Vinċenz jew inkella xi dar oħra tal-anzjani.”