Ilbieraħ filgħodu, bosta sezzjonijiet tal-Pulizija, flimkien mal-assistenza mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni, mexxew spezzjonijiet koordinati fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari.
F’din il-ħidma, 20 persuna li lkoll ġejjin mill-pajjiżi tan-Niġerja, il-Ghana, il-Mali, is-Sirja, il-Gambja, is-Sri Lanka, il-Bangaldesh, u t-Togo, instabu jgħixu f’pajjiżna b’mod irregolari.
Din il-ħidma segwiet ħidma oħra f’San Ġiljan u f’Paceville fejn, fl-aħħar jiem, ġew arrestati 25 persuna oħra wara li nstabu jgħixu jew jaħdmu f’pajjiżna irregolarment. Dawn tal-aħħar kienu ġejjin min-Niġerja, mill-Għana, mit-Turkija, u mill-Indja.
Il-persuni kkonċernati lkoll ittieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jitlesta l-proċess ta’ ritorn tagħhom.