Permezz ta’ konferenza matul il-ġurnata tat-Tlieta, bdiet tiġi implimentata l-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin, li tikkonsisti minn ħamsa u erbgħa miżura lejn servizz ta’ eċċellenza.
Dan bħala parti mill-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, bit-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità.
Waqt din il-konferenza bit-tema tagħha tkun it-teknoloġija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal kif din l-istrateġija l-ġdida li tbiddel is-Servizz Pubbliku radikalment.
Ma’ ONE News, il-Kap taċ-Ċivil spjega magħna wħud minn dawn il-miżuri.
Qal, “Il-mod kif jinżamm id-data, il-mod kif jinżammu d-dokumenti, il-mod kif innaqsu l-karta, il-mod kif inwasslu s-servizzi, kif nibażżaw aktar fit-teknoloġija. Ma ninsewx li fejn tidħol teknoloġija, pajjiżna mhux qiegħed lura. Jiġi kklasifikat l-ewwel fl-Ewropa fejn tidħol it-teknoloġija, fejn jidħol l-eGovernment. L-isfida li mhux li tasal s’hemm, iżda li tibqa’ hemm u l-istess l-istrateġija. Din l-istrateġija għandha sfida partikolari, li trid iżżomm il-pass biex il-45 proġett li hemm iddisinjati u ppjanati, issa li qed nibdew inwettquhom inżommu l-pass tagħhom biex inwasluhom.”
Il-Kap taċ-Ċivil spjega kif din l-istrateġija l-ġdida nbniet fuq l-esperjenza li kiseb is-Servizz Pubbliku waqt il-pandemija. Dan hekk kif is-Servizz Pubbliku kompla jaħdem anki waqt l-għeqqel tal-pandemija u għen lil bosta setturi oħra sabiex jirkupraw mill-pandemija.
Qal, “Huwa t-tajjeb tas-Servizz Pubbliku, ir-rieda u d-determinazzjoni li nwasslu s-servizzi u li nimxu ‘l quddiem. Allura meta aħna użajniha bħala opportunità, rajna fejn kien hemm ħażin, rajna fejn jidħol per eżempju t-teknoloġija fejn mhux qed twassal, fejn nistgħu niddisinjaw servizz aħjar.”
Il-Kap taċ-Ċivil qal li f’kull pass li jsir trid tingħata prijorità lill-etika u lill-kontabbilità, bħal li l-klijent ikollul-opportunità li jkollu aċċess għad-data li għandu dwaru s-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, il-klijent ikun jaf kif u meta ntużat, u minn min intużat din id-data.
Intqal ukoll kif il-klijent se jkun infurmat dwar fiex waslu l-applikazzjonijiet jew it-talbiet tiegħu dak il-ħin stess.
Matul din il-konferenza, is-Sur Cutajar qal ukoll kif matul is-sena li għaddiet, kien hemm tliet miljun u nofs interazzjoni bejn il-pubbliku u s-servizz.gov, bl-iżjed servizz li ntuża jkun dak tas-sit elettroniku ta’ servizz.gov, hekk kif daħlu żewġ miljuni u nofs fuq dan is-sit.
Kien hemm iżjed minn tmien mija u tletin elf telefonata u iżjed minn mitejn u sebgħin elf żaru l-hubs reġjonali ta’ servizz.gov.
Dan filwaqt li kien hemm kważi ħamsa u erbgħin elf email lejn servizz.gov, matul is-sena li għaddiet.