Meta lbieraħ il-Parlament aġġorna għal btajjel tas-Sajf, kienu għaddew 45 liġi ġdida mill-bidu tal-leġiżlatura.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li dan huwa xhieda ta’ gvern b’enerġija u pjan bil-għan li jħejji Malta ta’ Għada. Tkellmu dwar dan il-whip tal-grupp parlamentari Laburista, Byron Camilleri u d-deputat Stefan Zrinzo Azzopardi.
Stefan Zrinzo Azzopardi, li hu wkoll ċermen tal-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġijiet, fisser kif in-numru rekord ta’ liġijiet approvati fl-ewwel sena tal-leġiżlatura huma liġijiet minn oqsma differenti b’uħud minnhom huma saħansitra storiċi, fosthom il-liġi dwar iż-Żwieġ Indaqs u l-Vot 16.
Importanti wkoll liġijiet li jirregolaw is-settur tal-blockchain u l-cyrptocurrency li se jwaslu għal għadd kbir ta’ opportunitajiet. Bidla kbira wkoll it-twaqqif ta’ Infrastruttura Malta.
Id-deputat Zrinzo Azzopardi innota kif hija ħasra li l-Oppożizzjoni opponiet bidliet importanti bħal din ta’ Infrastruttura Malta jew saħansitra l-liġi kontra l-vjolenza domestika.
Il-whip Byron Camilleri qal li din il-ħidma parlamentari kbira kienet possibbli għax il-gvern kellu grupp maqgħud.
“Dak tagħna huwa grupp parlamentari mimli b’taħlita ta’ esperjenza u uċuħ ġodda. Fejn l-entużjażmu jiltaqa’ mal-għerf ta’ min tul is-snin diġa’ wettaq ħidma importanti għall-pajjiż u għalhekk ir-riżultat qed ikun wieħed b’saħħtu,” qal Camilleri li nnota kif b’kuntrast l-oppożizzjoni kienet maqsuma.
Saħansitra kienet maqsuma fuq inizjattivi li ħadet hi stess fejn mhux biss il-grupp kien maqsum fil-vot iżda kien hemm min ibbojkotja l-vot.
Fuq kollox, spjega Camilleri, f’din l-ewwel sena tal-leġiżlatura l-parlament kompla jissaħħaħ. Fosthom bil-kumitat li qed jiskrutinja l-ħatriet pubbliċi.
Irrefera wkoll għall-bidla fil-ħin tal-Parlament u żvela li minn Ottubru li ġej se jkunu tnejn il-jiem li fihom il-Parlament jibda jiltaqa’ fl-4.00pm minflok fis-sitta. Dan b’mod li l-ħidma tal-parlament tkun iktar aċċessibbli nkluż għal min isegwi.