45 għaqda mhux governattiva ngħataw fondi biex jinstallaw ammont ta’ pannelli fotovoltajiċi. B’kollox se jkunu installati mal-2,000 pannella b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro. Kull għaqda se tkun tista’ tinstalla 12 jew 24 pannella.
Fost l-għaqdiet non-governattivi li se jkunu mgħejjuna b’din l-iskema hemm każini tal-banda, għaqdiet filantropiċi u għaqdiet ekklesjastiċi.
Lorry Saliba mill-‘Victoria Scout Group’ saħaq kif kieku mhux għal din l-għajnuna żgur li għaqdiet bħal dik li jimmilita fiha hu ma kinux ikunu jistgħu jidħlu għal proġetti bħal dawn.
Hija qalet: “L-NGOs niddependu mill-għajnuna tal-pubbliku, aħna bħala l-iscouts iktar u iktar ma tantx ikollna fondi, jiġifieri rridu naħdmu għalihom, mhux daqsekk faċli, allura b’din l-għajnuna li se tkun f’pannelli, isiru panelli, żgur li se tgħin, aħna jkollna konsum kbir peressli għandna kwartieri kbar ħafna u hemm ħafna dawl fih. Allura żgur li se niffrankaw.”
Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif permezz ta’ inizjattivi bħal dawn pajjiżna se jilħaq il-miri tal-2020.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Man-negozju, mal-industrija privata, bħala Gvern, bħala Korporazzjonijiet u anke s-settur tal-għaqdiet mhux governattivi, huwa importanti li naħdmu flimkien, naħdmu flimkien ħalli pajjiżna jkun qed jilħaq it-targets tal-enerġija rinovabbli. Infakkar li sal-aħħar ta’ din is-sena rridu nlaħħqu għaxra fil-mija tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija rinovabbli.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif lil hinn mill-impatt pożittiv ambjentali din l-iskema qed tgħin b’mod tanġibbli lil bosta NGOs.
Huwa sostna: “Illum qegħdin naraw għexieren ta’ għaqdiet mhux governattivi li qed jibbenefikaw minn somma kumplessiva ta’ madwar nofs miljun ewro, allura dan ifisser li għandek l-għaqdiet li qed jibbenefikaw minn enerġija aktar nadifa iżda fuq kollox qegħdin jaraw li jkollhom aktar flus li jibqgħu fis-settur tagħhom.”