Nhar is-Sibt li ġej, 44,527 anzjan u anzjana se jirċievu għotja ta’ żewġ benefiċċji li bejniethom ilaħħqu spiża ta’ aktar minn ħmistax-il miljun ewro.
L-ewwel għotja ta’ €300 se tingħata lill-anzjani li jkunu għalqu l-75 sena sa 79 sena, u jkunu għadhom jgħixu fil-komunità flimkien ma’ anzjani fi djar privati tal-anzjani li jkunu qed iħallsu minn buthom. L-għotja għal dawk li għalqu t-80 sena titla għal €350.
Minn din l-għotja se jibbenefikaw 33,732 anzjan u anzjana bi spiża globali ta’ €11,004,103.
It-tieni bonus li se jitħallas nhar is-Sibt huwa dak mogħti lill-anzjani li jkunu laħqu l-età tal-irtirar u ma jkunx ħallas biżżejjed bolol biex jikkwalifika għall-pensjoni. Mis-Sibt, dan il-bonus se jogħla b’€50 għal €250 jekk dawn il-persuni jkunu ħalsu minn sena sa erba’ snin bolol, u €350 għal dawk li jkunu ħallsu ħames snin jew aktar bolol.
Minn dan il-bonus se jibbenefikaw 14,097 anzjan u anzjana bi spiża globali ta’ €4,296,779. Fost dawn, hemm 3,302 li għandhom 75 sena jew aktar u bis-saħħa ta’ miżura li kienet daħlet fl-2019, dawn l-anzjani se jibqgħu jirċievu dan il-bonus waqt li jieħdu l-għotja l-oħra tal-anzjani wkoll.
Dawn in-numri jiżdiedu aktar matul is-sena hekk kif iktar anzjani jsiru eliġibbli u jibdew jirċievu l-benefiċċji.
F’każ li jkun hemm xi ħadd li jagħlaq l-età eliġibbli wara l-ewwel ta’ Jannar, fl-ewwel sena jirċievi l-ammont pro-rata imbagħad mis-sena ta’ wara jibda jirċievi l-benefiċċju sħiħ.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fakkar kif dan il-Gvern introduċa bosta miżuri li permezz tagħhom, aktar anzjani qed jibbenefikaw minn għotjiet u pensjoni u allura qed igawdu dawk l-aktar fil-bżonn.