Mill-bidu tas-sena l-oħra ngħataw aktar minn disat elef u seba’ mitt multa mill-aġenzija LESA, minħabba kontravenzjoni li s-sewwieqa ma jkunux iffukati fuq is-sewqan.
Dan intqal ma’ ONE News mill-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores.
Aktar minn ħamest elef u tliet mitt multa ngħataw hekk kif inqabdu jużaw il-mobile waqt li jkunu qed isuqu.
Waqt li aktar minn erbat elef u erba’ mitt multa ngħataw talli s-sewwieqa ma kellhomx kontroll tal-karozza li qed isuqu.
Flore spjega, “L-infurzar fuq dawn iż-żewġ kontravenzjonijiet partikolari dejjem intuh prijorità minħabba li fl-aħħar mill-aħħar huwa parti mis-sigurtà tas-sewwieq. Numru ta’ inċidenti jsiru minħabba l-allegat użu ta’ telefon ċellulari jew apparat teknoloġiku ieħor.”
Flores semma ma’ ONE News kif il-multi li wieħed jingħata minħabba li ma jkollux kontroll tal-karozza, jiġri hekk kif hemm min li waqt li jsuq jew joqgħod jagħmel il-makeup jew iqaxxar il-leħja, fost oħrajn.
Flores saħaq li telefonata waqt is-sewqan tista’ toħloq periklu.
Hu qal, “Inneħħulek il-poter tiegħek ta’ uman li tpoġġi għajnejk fit-triq u tara l-ambjent ta’ madwarek. Issa ovvjament xi ħadd ikollu xi emerġenzi jew hekk. Però huma faċli, sempliċiment telefonata tista’ tieqaf ma’ ġenb u tara bil- kwiet mingħajr ma toħloq periklu.”
Flores qal kif il-multa għal dawk li ma jkollhomx kontroll tal-karozza hija ta’ €11.65, waqt li l-multa ta’ dawk li jsuqu bil-mobile f’idejhom, il-multa hija ta’ €100 u jinqatgħu tliet punti.
Hu rrimarka, “Inti bil-mobile phones għandek it-tliet punti wkoll, illi fl-aħħar mill-aħħar meta tgħaqqad ammont ta’ punti jwasslu għat-telf tal-liċenzja tas-sewqan. Naraw li sfortunatament ħafna min-nies jgħidulek €100 ma jimpurtax. Aktar jimporta għall-punti għax it-telf ta’ punti għandu iżjed riperkussjonijiet.”
Bħal multi oħra, wieħed jista’ jikkontesta din iċ-ċitazzjoni.