Fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa beda l-proċess li matulu, mal-erbat elef u erba’ mitt anzjan u anzjana li jgħixu f’sebgħa u tletin dar residenzjali f’pajjiżna, se jitlaqqmu kontra l-COVID-19.
Il-proċess beda l-ewwel fost anzjani li għandhom aktar minn ħamsa u tmenin sena, u eventwalment se jitlaqqmu wkoll madwar elfejn impjegat li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, inkluż dawk tal-Gvern, tal-privat u tal-Knisja.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, spjega li hemm pjan ħolistiku ta’ kif tingħata t-tilqima, li tiġi f’żewġ dożi.
Il-ħsieb hu li sal-aħħar ta’ Marzu, l-ewwel doża tal-vaċċin tkun ingħatat lill-anzjani kollha fid-djar residenzjali f’pajjiżna, u fil-ġranet li ġejjin dalwaqt jibdew jitlaqqmu l-anzjani fil-komunità.
“Dawk il-persuni li għandhom iktar minn ħamsa u tmenin sena dalwaqt se nkunu qed nibdew it-tilqim tagħhom fil-komunità b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa. Importanti li kemm jista’ jkun, l-iktar nies possibbli li jitlaqqmu kontra l-pandemija jagħmlu dan ħalli fl-iqsar żmien possibbli nkunu nistgħu nirritornaw lejn in-normalità.”