Aktar kmieni llum, l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja sebħet b’erbgħa u erbgħin rekluta ġdid li bdew bit-taħriġ tagħhom sabiex fi ftit żmien jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala Kuntistabbli.
Dan ikunu jistgħu jagħmluh wara li jlestu l-kors ta’ taħriġ bażiku mal-istess Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati; kors li se jwassalhom sabiex jirċievu ċertifikat ta’ livell MQF 4.
Filwaqt li, permezz ta’ stqarrija fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Korp tal-Pulizija awgura lil dawn ir-rekluti ġodda għall-bidu ta’ dan il-vjaġġ tagħhom sabiex jilħqu Kuntistabbli, fakkar li bħalissa hemm sejħa oħra sabiex min hu eliġibbli japplika għal Kuntistabbli tal-Pulizija.