Għexieren ta’ tajr ta’ kull għamla, kulur, u qies żejnu s-sema fuq l-Għarb, Għawdex, waqt il-ħames edizzjoni tal-Wind & Kite Festival fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
L-avveniment ġibed eluf ta’ Għawdxin, Maltin, u turisti, li nġabru fl-inħawi ħdejn il-kappella ta’ San Dimitri biex tpaxxew bl-ispettaklu sabiħ u interessanti filwaqt li tajru t-tajr tagħhom.
Din il-ħames edizzjoni tal-festival rat qabża oħra kbira fil-kwalità u fil-kwantità ta’ tajr enormi li mela s-smewwiet. Ħadu sehem 44 professjonist minn madwar 15-il pajjiż, fosthom l-Italja, l-Arġentina, l-Ungerija, il-Ġermanja, l-Olanda, iċ-Ċina, it-Tajwan, Spanja, Franza, u naturalment anke Malta u Għawdex.
L-attività kienet suċċess kbir. Il-festival offra ħarġa għall-familja fil-kampanja naturali u l-organizzaturi kienu qed jistennew parteċipazzjoni tajba wara l-edizzjonijiet tas-snin li għaddew u wara l-pandemija.
Is-Sibt wera minn kmieni filgħodu li se jattendu bosta nies għax il-vetturi bdew deħlin u baqgħu ma qatgħu xejn. L-istess ġara l-Ħadd. Din is-sena s-Sibt daħlu ’l fuq minn 6,000 karozza filwaqt li l-Ħadd in-numru qabeż id-9,600 karozza. Il-Gozo Channel ħadem vjaġġi bla waqfien minħabba d-domanda kbira fi tmiem din il-ġimgħa.
Fost l-attrazzjonijiet kien hemm workshops dwar it-tajra tradizzjonali. Għal din is-sena, fil-workshops ma ntużax plastik, iżda karta li kien fiha disinji li t-tfal intalbu jiżbgħu bil-kuluri provduti ma’ kull tajra u qasab biex jintuża għall-istruttura. Il-workshops f’dawn il-jumejn qabżu d-900 partecipant.
Il-Ħadd saret kompetizzjoni miftuħa għad-dilettanti b’dawk interessati setgħu japplikaw online. Din is-sena kien hemm żewġ kategoriji taż-żgħar u tal-kbar. Il-punti ngħataw fuq karatteristiċi artistiċi, oriġinalità, teknika u kostruzzjoni.
Il-Wind & Kite Festival ġie organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat tal-Kultura fi ħdan l-istess Ministeru.