Il-mezzi tax-xandir illum issejħu fiċ-ċentru LEAP tal-Birgu, għaliex kif spjega l-Ministru Michael Farrugia, dawn iċ-ċentri huma parti mis-suċċess li l-Gvern qed jikseb mal-familji u t-tfal.
Hawn issemmew biss ftit mir-riżultati pożittivi illi nkisbu f’dawn it-tliet snin.
Fi Frar 2013 kien hawn 13,984 persuna li kienu qed jirċievu l-assistenza soċjali, l-assistenza għal-genituri waħedhom (single parents) u l-assitenza tal-qgħad – dawn niżlu għal 9,668 persuna s’Awwissu 2016. Dan ifisser li fl-aħħar tliet snin, kellna tnaqqis ta’ 4,316 persuna minn fuq il-benefiċċji soċjali.
Tnaqqis sostanzjali minn fuq il-benefiċċji soċjali gie rreġistrat fost iż-żagħżagħ li huma taħt it-23 sena, fejn fi Frar 2013 kien hemm 1,202 persuna fuq il-benefiċċji, dawn niżlu għal 506 persuna f’Awwissu 2016. Dan ifisser tnaqqis ta’ 696 żagħżugħ minn fuq il-benefiċċji socjali – tnaqqis ta’ 57%.
Il-Ministru qal li dan juri biċ-ċar li l-garanzija għaż-żagħżagħ li qed iħaddan dan il-Gvern qed tagħti ir-riżultati mixtieqa, għalkemm fadal xi jsir biex ir-riżultati jkomplu jitjiebu.
Fil-Budget li għadda l-Gvern irrikonoxxa lil dawk il-familji fejn hemm persuna waħda biss f’impjieg, għandhom dħul baxx u hemm ulied dipendenti li għandhom inqas minn 23 sena. Għalhekk kien estiż il-benefiċċju ‘In-Work’.Permezz ta’ din il-mizura mill-bidu tas-sena 2015 ibbenefikaw 1,827 familja – 2,745 tfal. Dawn jitqassmu kif ġej
* Koppji, ġenitur wieħed jaħdem – 209 Familja – 380 Tfal
* Koppja, il-ġenituri tnejn jaħdmu – 626 Familja – 997 Tfal
* Single Parents jaħdmu – 992 Familja – 1368 Tfal
Ma’ dawn kien hemm ukoll total ta’ 2,328 persuna illi għazlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tat-Tapering System. Dan billi sabu impjieg iżda permezz ta’ din is-sistema setgħu jibqgħu jieħdu il-benefiċċji socjali għall-perjodu ta’ tliet snin.