Hekk kif dalgħodu l-Università fetħet il-bibien tagħha għal sena akkademika ġdida, b’kollox huma 4,300 dawk li għalihom din hija l-ewwel ġurnata tagħhom bħala studenti universitarji.
Minn dawn, 3,000 huma Maltin u l-bqija individwi mhux Maltin li għażlu li jistidjaw fl-università Maltija. Xejn inqas minn 60 fil-mija tal-istudenti l-ġodda huma nisa.
Studenti u lekċerers dalgħodu mlew il-kampus tal-Università f’Tal-Qroqq waqt l-hekk imsejħa Freshers’ Week, ġimgħa fil-bidu ta’ kull sena universitarja li fiha jsir programm ta’ attivitajiet maħsubin biex jagħtu merħba lill-istudenti l-ġodda tal-ewwel sena. Mużika u spettaklu, min iqassam il-fuljetti informattivi, min jgħannaq lil sħabu.
Oħrajn iduru ma’ stands ta’ għaqdiet li organizzaw ruħhom biex iħajru lill-istudenti jissieħbu magħhom, jew ta’ entitajiet volontarji u anki kummerċjali li joffru servizzi u prodotti differenti mfasslin għall-benefiċċju tal-istudenti.
Minbarra l-Università, illum taw bidu għas-sena akkademika wkoll l-MCAST u l-ITS.
Din is-sena akkademika fetħet ftit wara t-tħabbir li l-investiment mill-Gvern fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet se jiżdied b’miljun ewro għas-sena skolastika u akkademika 2022-2023 meta mqabbel mas-sena skolastika u akkademika li għaddiet. B’hekk, l-investiment issa se jkun qed ilaħħaq it-€33 miljun.