Tlieta u erbgħin sena ilu nħasdet ħajjet tfajla ta’ ħmistax-il sena.
Fil-fjur ta’ ħajjitha, Karin Grech, bint it-Tabib Edwin Grech inqatlet innoċentament permezz ta’ ittra bomba.
Kien fit-tmienja u għoxrin ta’ Diċembru tal-elf disa’ mija sebgħa u sebgħin, fl-eqqel ta’ strajk tat-tobba, li l-Professur Edwin Grech ma obdiex u baqa’ jagħti servizz lill-pazjenti, li Karin Grech inqatlet.
F’darha, Karin kienet fetħet pakkett imgeżwer f’karta tar-rigali tal-Milied.
Ħdejha kien hemm ħuha Kevin.
Ftit wara li fetħet il-pakkett, il-bomba li kien hemm splodiet.
It-tfajla kienet ittieħdet l-isptar San Luqa iżda sfortunatament mietet ftit minuti wara.
F’quddiesa tal-funeral ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Monsinjur Mikiel Gonzi kien sejjaħ dan l-att barbaru bħala l-ewwel attakk terroristiku fil-pajjiż.
Dakinhar tal-qtil ta’ Karin Grech, it-tabib Paul Chetcuti Caruana, li mbagħad kien deputat Laburista, kien irċieva pakkett b’ittra bomba iżda fortunatament il-bomba ma ħaditx.
Il-każ tal-qtil ta’ Karin Grech baqa’ ma kienx solvut iżda l-Qorti kienet iddikjarat li dan kien qtil politiku.
Xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista, li kien ordnat jagħti kumpens lill-familja Grech, ma qabilx li kien qtil politiku.