Jean Pierre Mamo ġie kkundannat 42 xahar ħabs u mmultat €1,000 wara li kiser il-kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja u b’hekk qiegħed jitqies bħala riċediv.
Apparti minn hekk, hu ġie akkużat u nstab ħati li kien fil-pussess tad-droga kokaina u raża tal-pjanta kannabis filwaqt li offra li jforni u jitraffikaha.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-Qorti tifhem li l-imputat kien għaddej minn żmien diffiċli minħabba kwistjonijiet familjari iżda l-Qorti kienet diġa’ tagħtu ċans jifforma ruħu meta f’każ preċendenti tagħtu sentenza ta’ libertà proviżorja minflok priġunerija.
L-akkużat kiser il-kundizzjonijiet ta’ din il-libertà għaliex ma kienx qiegħed jiffirma kuljum l-għassa u b’hekk il-qorti kkonfiskat €6,000 depożitu u garanzija personali.
Għall-pussess u bejgħ ta’ sustanzi illeċiti l-Qorti kkundannat lil Mamo għal 24 xahar ħabs u €1,000 multa u għall-ksur ta’ kundizzjonijiet ġie ssentenzjat għal 18 -il xahar. B’hekk l-imputat ġie kkundannat għal ammont totali ta’ 42 xahar priġunerija.
Il-Qorti ordnat lil Jean Pierre Mamo sabiex iħallas total ta’ €4292.79 bħala spejjeż tal-Qorti apparti l-elf ewro multa.