42 sena ilu ħajjet it-tabib Edwin Grech inbidlet għal kollox. Bintu Karin, li kien għad kellha biss 15-il sena fetħet pakkett imgeżwer f’karti tal-Milied indirizzat għal missierha. Dan kien ir-rigal misħut li kkaġuna wieħed mill-akbar traġedji fl-istorja ta’ din il-gżira.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar, iċ-ċkejkna Karin fetħet l-ittra quddiem ħuha Kevin fid-dar tagħhom f’San Ġwann. Nofs siegħa wara, fl-Isptar San Luqa, Karin tilfet il-battalja mal-mewt kawża tal-ħruq estensiv li ġarrbet.
Erba’ xhur qabel dan il-qtil politiku, il-Professur Edwin Grech kien intalab mill-Gvern biex jinżel Malta minn Londra. Dan fi żmien pajjiżna kien qed jesperjenza tilwima industrijali bejn il-Gvern u l-Assoċċazzjoni Maltija għat-Tobba.
Il-Professur Grech kien aċċetta li jagħti s-servizz tiegħu bħala tabib pubbliku sakemm din it-tilwima tissolva.
Dakinhar ukoll it-tabib Pawlu Chetcuti Caruana rċieva pakkett identiku ta’ dak li intbagħat fid-dar tal-familja Grech, iżda l-bomba ma ħaditx.
Minkejja li l-qtil ta’ Karin Grech kien issejjaħ att terroristiku, sal-lum għadu mhux magħruf min kien il-moħħ warajh.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ittimbrat dan l-att bħala qtil politiku u ordnat li l-Gvern jagħti kumpens ta’ €400,000 lill-familja Grech.
Iżda l-ebda kumpens ma kien se jissodisfa l-għatx għall-ġustizzja ta’ din il-familja.