Matul l-2019 tilfu ħajjithom 42 persuna f’41 inċident.
It-toroq tal-gżejjer Maltin ħallew warajhom 17-il vittma f’16-il inċident. 5 minn dawn il-vittmi kienu nisa filwaqt li t-12 l-oħra kienu irġiel.
L-ewwel inċident tat-traffiku fatali tas-sena seħħ fid-19 ta’ Marzu meta anzjan tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u ħabat f’barrikata fi Triq Aldo Moro.
Inċident maġġuri seħħ fl-14 ta’ Mejju meta seħħet ħabta frontali biswit ir-roundabout tal-Imġarr. F’dan l-inċident tilfu ħajjithom omm u bint filwaqt li diversi persuni oħra kellhom jidaħħlu l-isptar għall-kura.
L-iżgħar żewġ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kellhom sebgħa u għaxar snin rispettivament.
Fl-2019 l-inċidenti bil-karozzi ħallew warajhom tnax-il vittma. L-iżgħar żewġ vittmi ta’ inċidenti kawżati mill-karozzi kienu Elisa Buhiagar, tifla ta’ 10 snin li fl-20 t’ Ġunju li għadda mietet wara li l-karozza li kienet fiha inqalbet fil-Mellieħa.
Matul l-2019 tilfu ħajjithom sitt persuni wara li ġew imtajjra minn karozzi jew vetturi oħra. L-iżgħar vittma kien iċ-ċkejken Nicholas Zammit. Huwa tilef ħajtu fl-eta ta’ 7 snin fit-18 ta’ Diċembru wara li għaddiet minn fuqhu gaffa li kienet ipparkjata f’Barriera ġewwa Ta’ Kandja.
Din is-sena, differenti minn snin preċedenti inċidenti bil-muturi ħallew anqas fatalijiet mill-karozzi. Filf-att tul it-12-il xahar tal-2019 tilfu ħajjithom erba persuni wara li l-muturi li kienu fuqhom kienu involuti f’ħabtiet.
Fl-2019 mietu wkoll ħames persuni waqt li kienu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Dawn il-vittmi kienu kollha rġiel bi tnejn minnhom mietu kawża ta’ xokk elettriku. Wieħed minn dawn il-vittmi kien dilettant tal-karnival li miet waqt li kien qed jagħmel xogħol fuq karru fil-Marsa.
Tliet ħaddiema oħra mietu wara li waqgħu minn għoli waqt li kienu qed jagħmlu xi xogħlijiet f’bini madwar Malta.
Erba’ persuni oħra mietu wara li waqgħu minn għoli. Dawn il-persuni li kienu kollha rġiel mietu kollha f’inċidenti separati b’mod aċċidentali bl-aħħar wieħed ikuiseħħ fil-Mellieħa fis-16 ta’ Diċembru.
Fl-2019 il-baħar ħasad il-ħajja ta’ 16-il persuna fi 16-il inċident separat. F’dawn l-inċidenti tilfu ħajjithom 5 Maltin u 11-il barrani b’14 minnhom kienu rġiel u żewġ nisa.
Fl-erbgħa ta’ Mejju li għadda tilfu ħajjithom ukoll żewġ sajjieda wara li l-iskuna li kienu fuqha inqalbet f’Wied il-Għajn. Filwaqt li wieħed mis-sajjieda instab mal-ewwel l-ieħor instab ġurnata wara.