42 persuna ngħataw il-liċenzja tal-Parole f’dawn l-aħħar tmintax- il xhar. Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mid-Deputat Parlamentari Carmelo Mifsud Bonniċi, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela semma’ li minn Novembru 2014 sa Mejju 2016 b’kollox kien hemm 155 applikant għall-Parole taħt l-Att dwar il-ġustizzja Riparatriċi.
Minn dawn l-applikazzjoni ta’ 76 persuna ma ġietx milqugħa u għaldaqstant ma ngħatawx il-liċenzja li joħorġu lura fil-komunità fuq Parole. Sal-aħħar ta’ Mejju 2016, kien hemm 21 każ pendenti.
Il-Parole hija liċenzja li tista’ tingħata lill-priġunier biex ikompli jiskonta s-sentenza tiegħu fil-komunità taħt superviżjoni u ċerti kundizzjonijiet. Din hija immirrata biex issaħħaħ kemm ir-riforma u r-rijintegrazzjoni tal-priġunieri lura fis-soċjetà.