L-istaġun tal-bluha jinsab ftit ġimgħat ‘il boqgħod.
Għal dan iż-żmien festiv, bosta jfittxu li jgawduh mal-familja tagħhom fil-Belt Valletta.
Madankollu, l-isfilati qed joħorġu ‘il barra sewwa mill-Belt Valletta.
Fil-fatt, għal din is-sena, tnejn u erbgħin kunsill lokali se jtellgħu attivitajiet varji għal żmien il-Karnival wara li kisbu fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Propju fuq hekk tkellimna mas-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea li qed iħejji attività mill-isbaħ f’din il-lokalità.
“Ħal Tarxien huwa rinomat mal-Karnival, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kumpaniji li jipparteċipaw fil-Belt Valleta, però din is-sena se niftħu l-Karnival il-Ġimgħa filgħodu bit-tfal tal-iskejjel. Sfilata tal-Karnival bil-karijiet mat-toroq ta’ Ħal Tarxien. Mużika, kant briju biex inqajjmu l-atmosfera.”
Tal-istess opinjoni kien is-Sindku tal-Gżira Neville Chetcuti li spjega li din hija l-ewwel darba li bbenefikaw minn dan il-fond.
“Nispera li jkun utli għan-nies u jkollna ħafna nies li jirrikorew għal din l-okkażżjoni. Grazzi ħafna mill-qalb għaliex dawn huma tajbin ħafna biex il-lokalita tagħna tkun aktar viċini ir-residenti.”
Il-fondi ingħataw mill-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, li saħqu dwar l-importanza li l-Karnival jinfirex madwar il-pajjiż kollu.