Ftit jiem biss wara li l-kunsilli lokali ngħataw l-allokazzjoni finanzjarja tagħhom, dawn ġew ippreżentati wkoll bis-somma ta’ ftit aktar minn €18,000 għall-iskema finanzjarja favur il-komunità, “Libreriji Lokali/Reġjonali”. L-għan ta’ din l-iskema huwa li l-libreriji lokali u reġjonali jkunu komdi u attrezzati kif suppost u jipprovdu servizz ta’ kwalità għolja biex iħajru aktar ċittadini jużaw il-libreriji.
Dawk il-kumitati reġjonali u kunsilli lokali li għandhom librerija pubblika kienu eliġibbli li japplikaw għal fondi permezz ta’ din l-iskema. Din l-iskema tiffinanzja 50% tal-ispiża sa massimu ta’ €600 (inkluża l-VAT) u tkopri diversi xogħlijiet jew xiri ta’ apparat jew servizzi.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnci qal li total ta’ 42 lokalità bbenefikaw minn din l-iskema għal-libreriji. “B’dan il-mod, qegħdin insebbħu l-ambjent ta’ madwarna, kif ukoll inħajru lin-nies, b’mod speċjali liż-żgħar tagħna sabiex iżuru l-libreriji, u nkattru l-imħabba lejn il-qari u l-kotba minn età żgħira. Dan il-Gvern għandu għal qalbu l-komunitajiet ta’ pajjiżna, u jaħdem sabiex ikompli jiffaċilita l-ħajja tan-nies.” Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għall-iskema ta’ “Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali”, li bis-saħħa tagħha l-Kunsilli Lokali jingħataw l-opportunità li jipproponu huma l-postijiet li jixtiequ jiġu restawrati. “Huwa grazzi għas-suċċess ta’ skemi u inizjattivi ta’ dan it-tip li aħna jkompli jkollna aktar enerġija, biex inkomplu nagħtu lura lil komunità,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis. Huwa qal li din l-iskema hija l-ewwel pass sabiex inkomplu nsaħħu l-aspett soċjali. L-għan ta’ din l-iskema hija li nkomplu ngħinu sabiex il-libreriji pubbliċi jsiru social hubs għar-residenti tagħna. Parnis kompla jgħid li l-kunsilli lokali huma l-livell ta’ awtorità l-aktar qrib iċ-ċittadin u huwa importanti li dawn jimirħu fl-oqsma li l-aktar li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. Filwaqt li l-kunsilli lokali għandhom joffru l-aqwa servizzi relatati mar-responsabbiltajiet tagħhom, fl-istess ħin dawn għandhom jaħdmu b’mod partikolari fil-qasam soċjali u edukattiv sabiex b’hekk iseddqu dejjem aktar is-sens komunitarju. Huwa għalhekk li fil-White Paper tar-Riforma fil-Gvern Lokali hemm kapitlu sħiħ iddedikat għall-qasam soċjali.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Natalino Attard tenna li l-metodu l-ġdid ta’ kif qed jinħarġu l-iskemi ta’ finanzjament huwa parti mir-riforma tal-Gvern Lokali li bis-saħħa tagħha qed nassiguraw li jkun hemm inizjattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet preżenti u futuri.
Id-Direttriċi tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Marisa Pisani qalet li l-għan hu li l-libreriji reġjonali u lokali jevolvu minn kif nafuhom tradizzjonalment, bħala l-post ta’ qari, riċerka u self ta’ kotba, għal ċentri tal-komunità li fihom jittellgħu wkoll attivitajiet informali li jtjebu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.