Transport Malta se tkun qed tħejji pjan dwar it-traffiku għall-għaxar snin li ġejjin. Qal dan David Sutton, uffiċjal għoli fi ħdan Transport Malta meta kien qed jitkellem f’konferenza tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija. Filwaqt li ta spjegazzjoni dwar kif żviluppa t-traffiku tul is-snin.
Studju li sar minn Transport Malta jikkonferma li żdiedu bil-kbir iil-karozzi fit-toroq, b’medja ta’ reġistrazzjoni ta’ 42 ġdida għal kull 7 karozzi li ma jibqgħux reġistrati.
B’hekk dan jikkawża iktar piz fuq it-toroq Maltin speċjalment fis-sigħat ta’ filgħodu kif ukoll għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija.
Il-problemi tal-konġestjoni tat-traffiku huma konsegwenza ukoll ta’ nuqqas ta’ infrastruttura, tant li mill-1980 inbnew biss ħames kilometri f’toroq arterjali.
Fid-dawl ta’ dan Transport Malta ħejjiet pjan b’mitt miżura ġdida li dwarhom se tingħata bidu għal konsultazzjoni mal-istakeholders kollha.
Waqt il-laqgħa intervjena wkoll il-professur Mario Vella mill-Università ta’ Malta u li ta rendikont dwar studju li għamel fuq il-bidliet fil-mobilità f’pajjiżna.
Ewlenija fosthom il-bidla fl-attività fejn m’għadiex magħluqa fil-komunità iżda issa mifruxa iktar hekk kif iktar persuni qed jmorru f’lokalitajiet oħra biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħħom.
Innota wkoll li 20% tad-djar f’Malta jużaw aktar minn tliet karozzi, dan flimkien m’aktar karozzi kummerċjali u second hand fit-toroq.