Il-kummissjoni elettorali tal-Venezwela qalet li 41.5% tal-elettorat ħareġ jivvota għall-elezzjoni kontroversjali għall-assemblea kostitwenti.
Il-President tal-istess kummissjoni qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienu ftit iktar minn 8 miljun persuna li vvottaw. L-elezzjoni tal-Ħadd kienet ikkaraterizzata minn vjolenza, bi protesti mifruxa mal-pajjiż kollu, li ħallew minn tal-inqas għaxar persuni mejta.
L-oppożizzjoni qalet li kienu 12% biss tan-nies li ħarġu jivvutaw. Filwaqt li rrifjutat li tirrikonoxxi l-elezzjoni u appellat għal iktar protesti fil-jum tat-Tnejn. Il-President tal-pajjiż Nicolas Maduro iddeskriva l-elezzjoni bħala l-ikbar vot qatt meħud għar-rivoluzzjoni.
L-assemblea kostitwenti ġdida se jkollha l-poteri li terġa tikteb il-kostituzzjoni u jkollha s-saħħa fuq il-kungress li huwa kkontrollat mill-oppożizzjoni. Maduro sostna li din hija l-unika triq biex jerġa jkun hemm il-paċi wara xhur ta’ protesti u staġnar politiku.
Iżda l-kritiċi tiegħu qed jiddeskrivu dan il-pass bħala mod biex huwa jkollu iktar poter.