Fis-sena skolastika li għaddiet, 419-il student fl-iskejjel tal-Istat għażlu li jattendu għal-lezzjonijiet tal-Etika minflok tar-Reliġjon.
Innota dan il-Ministru għall-edukazzjoni, Evarist Bartolo fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari.
Waqt One News Breakfast, Louise Chircop, koordinatriċi tas-suġġett fissret li l-etika tgħallem dwar valuri, kif tista’ ssir persuna aħjar, u tgħix il-ħajja b’valuri sodi u b’saħħithom. Fuq kollox jitratta ħafna r-rispett lejn ħaddiehor.
L-għalliem Mark Amato b’sodisfazzjon stqarr li s-suġġett intlaqa’ tajjeb mill-istudenti, l-ġenituri u l-għalliema.
“It-tfal ħadu gost, jiġifieri aħna wieħed mill-għanijiet tagħna huwa li nisoċjalizzaw it-tfal fis-socjetà, jiġu biex jieħdu gost, jitgħallmu, permezz ta’ attivitajiet li huma jieħdu gost, bħala rispons mill-ġenituri dejjem kien pożittiv”
Ħafna l-ġenituri jaqblu li tkun offruta din l-għażla filwaqt oħrajn għadhom xettiċi. Kellimhom Abrahm
Is-sena li għaddiet is-suġġett tal-etika kien offrut f’ħames skejjel, filwaqt li minn din is-sena skolastika, s-suġġett qed ikun offrut f’għaxar skejjel oħra primarji u f’disa’ skejjel medji u sekondarji oħra.
Għall-elfejn u tmintax, hemm il-ħsieb ukoll li jkun hemm l-ewwel grupp ta’ studenti li jpoġġu għall-eżami tas-SEC fl-Etika.