Bħal-lum 41 sena ilu, pajjiżna nħasad bil-qtil ta’ Karin Grech, it-tfajla ta’ 15-il sena li l-wiċċ ruxxan u żagħżugħ tagħha nbidel fi dmija meta fetħet pakkett imgeżwer f’karti tal-Milied. Karin Grech inqatlet fid-dar tal-ġenituri tagħha f’San Ġwann għall-ħabta ta’ nofsinhar hekk kif fetħet pakkett-bomba fil-forma ta’ rigal tal-Milied li ntbagħat bil-posta u li kien indirizzat lil missierha li ta l-kunsens tiegħu biex tiftħu.
Fil-pakkett, li kien imgeżwer sew, kien hemm pinna li splodiet hekk kif it-tifla qabditha f’idha. Mal-isplużjoni, ħuha Kevin li kien ħdejha ndarab waqt li missierha u ommha li kienu d-dar ma ġralhom xejn.
F’deċiżjoni li kienet tat il-Qorti Kostituzzjonali kien ġie dikjarat li l-qtil makabru ta’ Karin Grech kien wieħed politiku. Dan għall-fatt li fi żmien li twettaq il-qtil, it-tabib u Professur Edwin Grech baqa’ jaqdi d-dmirijietu bħala tabib pubbliku anke jekk kien għaddej strajk tat-tobba f’pajjiżna.
Dakinhar tat-traġedja, it-tabib Pawlu Chetcuti Caruana, li wkoll baqa’ jaħdem waqt l-istrajk, wasallu pakkett identiku, b’bomba li iżda ma ħaditx. Il-Gvern kien ġie orndat jagħti kumpens ta’ ftit aktar minn €400,000 lill-familja ta’ Karin Grech. Flus li però qatt ma mlew il-vojt, u qatt ma għalqu l-ġerħa li ħalliet il-mewt ta’ Karin.
Filwaqt li 41 sena wara nibqgħu nfakkru l-memorja ta’ Karin Grech li nqatlet innoċentament, għall-familja Grech dan jibqa’ żmien diffiċli li fih hija tibqa’ għatxana għall-ġustizzja.