41 persuna tilfu ħajjithom wara li ajruplan tal-linja tal-ajru nazzjonali Russa Aeroflot inħakem minn nirien u kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport ta’ Sheremetyevo F’Moska. L-ajruplan kien qed iġorr 73 passiġġier u ħames membri tal-ekwipaġġ. Skont rapporti fil-midja Russa, fost il-mejtin hemm żewġt itfal u membru tal-ekwipaġġ.
Il-persuni li salvaw qed jallegaw li l-ajruplan intlaqat minn sajjetta, iżda kelliema għal-linja nazzjonali Russa qalu li l-ajruplan kelli jagħmel inżul kawża ta’ problemi tekniċi minħabba kundizzjonijiet tat-temp ħżiena, ftit wara li għamel it-tluq tiegħu.
Filmati fuq is-siti soċjali juru diversi persuni jagħmlu użu mill-ħruġ ta’ emerġenza biex joħorġu mill-ajruplan li kien qed jaqbad. Uħud li raw l-inċident iseħħ quddiem għajnejhom, iddiskrevew ix-xeni li raw u qalu li kien miraklu għal dawk li rnexxielhom isalvaw.
37 persuna salvaw minn din it-traġedja, 33 minnhom passiġġiera u erbgħa membri tal-ekwipaġġ. Ħames persuni ttieħdu l-isptar għal aktar osservazzjoni.
Intant fi tweet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-41 vittma.
My deepest condolences to the families of the 41 victims who lost their lives in the horrifying plane accident that took place in Moscow. @MFAMalta @MaltaGov @mfa_russia
— Carmelo Abela (@AbelaCarmelo) May 6, 2019