L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem faħħret il-miżuri tal-Gvern li tħabbru fil-Budget u sejħet dan il-Budget bħala wieħed li jinċentiva x-xogħol.
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia, faħħar l-aspetti soċjali tal-Budget, fost l-oħrajn it-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema b’xogħol part time.
Huwa sostna li permess tal-miżuri, il-Gvern irnexxielu joħloq bilanċ, billi jgħin lill-ħaddiema mingħajr ma jitfa’ piż fuq min iħaddem.
Farrugia qal li l-Gvern, fi żmien tal-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, qiegħed jagħraf il-bżonn li titjieb il-kwalità tar-riżors uman.
Huwa għalaq billi rrikonoxxa l-fatt li l-pandemija hija l-kawża tad-defeċit li pajjiżna jinsab fih, u sejjaħ il-mira li d-defeċit jonqos għal 5% bħala waħda ambizzjuża.