Mindu fetaħ il-bibien tiegħu f’April li għadda, iċ-Ċentru t’Eċċellenza tal-Podjatrija f’Birkirkara, ta servizz lil aktar minn erbgħin elf persuna.
Dan iċ-ċentru speċjalizzat jiġbor taħt saqaf wieħed is-servizzi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kura tas-saqajn.
Fost l-oħrajn, hemm klinika tal-bijomekkanika speċjalizzata fejn isiru eżaminazzjonijiet dettaljati tal-mixi u taċ-ċirkulazzjoni arterjali tas-sieq, tingħata kura għal problemi kkawżati minn kundizzjonijiet rematoloġiċi jew minħabba d-dijabete, u jsir il-qlugħ ta’ dwiefer problematiċi.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Pimarja, Roseanne Camilleri spjegat kif dan iċ-ċentru għandu wkoll klinika speċjalizzata għal tfal sa taħt is-sittax-il sena.
Qalet, “Meta inti taqbad xi ħaġa fil-bidu tagħha, il-possibilità li tirranġaha hija ferm ikbar milli meta l-oġġett ikun daħal iktar fil-fond. Mhux ma jitranġax imma l-ewwel nies jieħu iżjed fit-tul u jekk inti tagħmel ċertu ħsara, tkun iktar diffiċli biex tirranġaha u jkollok uġigħ ieħor f’postijiet oħra fl-għadam għax inti qed titfa’ saqajk ħażin, jew m’għandekx il-mixja bil-bilanċ allura dawn huma kollha affarijiet li jekk taqbad it-tfal minn ċkunithom, il-problema ħa tonqos.”
Dan iċ-ċentru sar b’investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF.
Bħala parti mill-kriterji biex jingħataw flus minn dan il-Fond, hemm li jsir stħarriġ regolari biex ikun magħruf jekk l-iskop soċjali tal-proġett, hux jintlaħaq.
Dan sar fl-ewwel sitt xhur tal-operat taċ-ċentru u jirriżulta li l-maġġoranza tan-nies u impjegati li ħadu jew taw is-servizz, jinsabu sodisfatti.
Spjegat, “Hemm kważi disgħin fil-mija ta’ sodisfazzjon mingħand il-klijenti li qegħdin jiġu ġo Birkirkara u l-istess il-ħaddiema għax inti barra l-pazjenti li jieħdu sodisfatti li qed jiġu hemmhekk u l-ambjent ikun tajjeb, l-istaff irid ikun ukoll f’ambjent li jkun ta’ livell tal-professjoni li qed joffru jiġifieri għandek staff kuntent, servizz aħjar u l-pazjent allura se jħossu u jieħu servizz iktar komplet u jħossu iktar ikkurat.”