‘Il fuq minn 400 student se jkunu qegħdin jingħataw li jestendu l-istudji akkademiċi tagħhom b’esperjenza tax-xogħol fl-industrija permezz tal-programm Student Placement Programme tal-MITA.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.Din hija t-tnax-il edizzjoni li l-MITA qiegħda torganizza dal-programm li fih qed tingħaqad ma’ diversi kumpaniji li bejniethom qed joffru iktar minn 1,300 post tax-xogħol relatat mal-informazzjoni u t-teknoloġija lill-istudenti. Dan b’investiment ta’ mhux inqas minn €1.7 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo kkonferma l-impenn tal-Gvern f’dan il-programm li qiegħed joħloq impjiegi temporarji għall-istudenti tagħna. “L-iStudent Placement Programme huwa prova ċara tas-sapport li l-Gvern qiegħed jagħti lill-istudenti, sabiex mhux biss ikunu preparati akkademikament, imma anke wkoll ikollhom esperjenza ta’ xogħol li tkompli ssaħħaħhom u tgħinnhom jaffaċċjaw id-diffikultajiet ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol.”
Bartolo ħeġġeġ lill-entitajiet mill-Privat, Pubbliċi u anke organizzazzjonijiet non-Governattivi sabiex jipparteċipaw f’dan il-programm u jiffurmaw parti integrali f’dan il-vjaġġ sabiħ għaż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li qed niżviluppaw il-ħaddiema t’għada.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana qal illi wara li l-programm tas-sena li għaddiet kien ta’ suċċess u ħoloq 380 post tax-xogħol, il-MITA qed tara li l-programm ta’ din is-sena ikun ta’ iktar suċċess flimkien mal-kumpaniji li jissieħbu magħha.
Sultana spjega li l-iStudent Placement Programme mhuwiex programm miftuħ biss għall-kumpaniji li joffru servizzi relatati mal-industrija tat-teknoloġija imma wkoll għal oħrajn li jagħmlu użu minn teknoloġiji differenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum bħal fl-edukazzjoni, fit-turiżmu, fis-saħħa jew fis-settur tal-manifattura.