Fis-16 ta’ Lulju, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta se tkun qed tiġi ċċelebrata b’mod speċjali hekk kif mhux biss qed tirritorna wara l-pandemija tal-Covid-19 imma se tkun qed tagħlaq l-erba’ mitt anniversarju minn meta saret l-ewwel purċissjoni tal-festa.
Din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata mil-1570 meta l-Patrijiet karmelitani daħlu l-Belt Valletta.
Interessanti, kif tul dawn l-400 sena ta’ storja, il-purċissjoni ma saritx biss darbtejn, dik tal-1940 minħabba li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u fl-2021 minħabba l-pandemija.
ONE News żar din il-knisja mill-isbaħ fejn qed isiru l-preparamenti għall-festa u tkellimna mal-Patri Alex Scerri fejn tkellimna miegħu dwar l-istorja ta’ din il-festa.
“Propju erba’ mitt sena ilu twaqqfet l-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu u minn dak iż-żmien umbad bdiet tieħu l-festa forma ta’ purċissjoni fuq barra. Għal dawn l-aħħar erba’ mitt sena ġifieri il-Madonna tal-Karmnu żejnet it-toroq tal-belt kapitali tagħna. ”
Il-purċissjoni li ssir kull sena hija mfittxija minn ħafna u mijiet jimxu wara x-xbieha għażiża tal-Madonna tal-Karmnu li toħroġ mis-Santwarju Bażilika tagħha fil-qalba tal-Belt Valletta.
Il-Patri Alex Scerri tenna l-ferħ tiegħu għal dawn l-erba’ mitt sena li għaddew u qed jispera li d-devozzjoni li mijiet ta’ nies għandhom lejn il-Madonna tal-karmnu ma tispiċċa qatt għaliex hija xi ħaġa tassew prezzjuża.
“Hija okkażżjoni sabiħa uwx hekk li għal dawn l-erba’ mitt sena missirijietna u ommijietna dejjem taw qima u mħabba lejn il-verġni Marija. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu għal qalbu il-Madonna tal-Karmnu jiġifieri l-Madonna tal-Karmnu qiegħda fil-qalb tal-poplu tagħna. U propju f’dawn l-erba’ mitt sena dan urejnih biċ-ċar. Jalla issa wkoll inħarsu l-quddiem. Jalla aħna wkoll inkomplu nxettlu f’uliedna u ulied uliedna din id-devozzjoni u l-imħabba li għandna lejn l-omm tagħna tas-sema.”