Bdew ix-xogħlijiet infrastrutturali biex jinbnew elfejn u tmien mitt qabar ġdid fuq medda ta’ erba’ sulari, bħala parti mill-proġett ta’ estensjoni fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-isfond tar-ritmu tajjeb li diġà qabad biex jitlesta x-xogħol, sa sitt xhur oħra, mistennija jitlestew l-ewwel erba’ mitt qabar.
“F’dawn il-ġranet beda x-xogħol t’estensjoni tal-Addolorata li meta jkun lest kollu kemm hu se jkollu viċin it-tlett elef qabar ġdid, u nista’ ngħid li fis-sitt xhur li ġejjin, ħa jkollna l-ewwel erba’ mitt qabar lest minn kollox, u allura dawk il-persuni li kienu diġà għamlu l-konvenju, se jkunu jistgħu jibdew jingħataw l-oqbra fix-xhur li ġejjin.”
Minbarra x-xogħol fuq l-oqbra l-ġodda, għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex jinstab spazju adekwat fejn ikunu jistgħu jinġabru l-qraba flimkien wara l-funeral.
Xi ħaġa li nħass il-bżonn li ssir għaliex ħafna drabi wara d-difna, il-qraba ma jkollhomx post komdu fejn jinġabru, u ma jkunux liberi minħabba nies oħra jew funerali li jkunu fl-istess ħinijiet.
Għaldaqstant dan l-ispazju għandu l-ħsieb li jilqa’ fih il-qraba wara li ssir id-difna.
Iżda lil’hinn mid-dfin u l-funerali, iċ-ċimiterju tal-Addolorata huwa meqjus ukoll bħala ġawhra arkitettonika, u għalhekk qed isir xogħol ta’ restawr biex terġa’ tingħata l-ħajja lill-istrutturi li tul is-snin tħallew abbandunati f’dan l-ikbar post ta’ mistrieħ etern f’pajjiżna.
“Qed nikkalkulaw li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, ikollna r-restawr lest barra l-Kappella u xi partijiet tal-ħitan jiġifieri bħala xogħol qegħdin avvanzati u ħa nibqgħu sejrin b’dar-ritmu biex nagħtu servizz kif suppost.”
Intant, meta żar ix-xogħlijiet fiċ-ċimiterju, id-Deputat Prim Ministru sellem il-memorja ta’ dawk midfuna fil-parti imsejħa l-“Miżbla”, fejn hemm Laburisti ta’ żmien l-Interdett – inkluż id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien Ġużè Ellul Mercer.