Fost inkwiet bejn gruppi ta’ milizzja fi Tripli, il-Gvern Libjan (appoġġjat min-Nazzjonijiet Magħquda) iddikjata stat ta’ emerġenza. Il-ġlied fl-aħħar jiem wassal għall-mewt ta’ madwar 40 persuna, filwaqt li mal-100 persuna oħra ndarbu.
Il-Kunsill Presidenzjali Libjan ħeġġeġ lill-fazzjonijiet involuti fil-ġlied biex jimxu mal-waqfien mill-ġlied iddikjarat.
Intant, qed jiġi rrapurtat li tul il-jum tal-Ħadd, mal-400 priġunier ħarbu mill-ħabs Ain Zara fin-Nofsinhar tal-kapitali Tripli.Kelliem għall-Pulizija Libjana ġie kkwotat jgħid li l-gwardjani tal-ħabs – li beżgħu għal ħajjithom – wara rvelli mill-priġunieri fl-istess ħabs, ma rnexxilhomx iżommu lill-ħabsin milli jsibu triqithom ’il barra.
Fi stqarrija konġunta b’risposta għall-ġlied li nqala, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti qali li l-attentati biex jitherrew l-awtoritajiet leġittimi Libjani u l-proċess politiku li għaddej, huma inaċċettabbli.
Intqal ukoll li l-gruppi armati involuti fil-ġlied għandhom iwaqqfu kull azzjoni militari, u wissew lil dawk li qed jippruvaw jiddistabilizzaw il-pajjiż, li se jinżammu responsabbli ta’ għemilhom.
Intant il-kordinatriċi umanitarja tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja – Maria Ribeiro, qalet li n-Nazzjonijiet Magħquda jikkundannaw il-vjolenza, partikolarment fid-dawl li familji fi Tripli qed jgħixu fil-biża. Vjolenza u bbumbardjat li wasslu biex eluf ħarbu minn djarhom, u wasslu għal ħsarat f’faċilità medika.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, permezz ta’ kelliem tiegħu sejjaħ lill-partijiet kollha involuti biex iżommu mal-waqfien mill-ġlied miftiehem, u li l-uffiċjali tiegħu se jkomplu jaħdmu biex jintlaħaq ftehim politiku aċċettabbli – biex ikun evitat li jintilfu iżjed ħajjiet, u għall-benefiċċju tal-Libjani.