Il-Ħadd filgħodu madwar 400 persuna sebħu sabiex jipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tal-ġirja u mixja tal-HopeXchange.
Dan fil-fatt b’risq sptar Malti fil-Ghana biex ikompli jgħin lil mijiet ta’ ommijiet u trabi li jirrkorru għall-kura.
L-attività bdiet fis-sebgħa ta’ filgħodu u nkludiet mhux biss ġirja u mixja ta’ ħames kilometri iżda wkoll mixja ta’ żewġ kilometri u nofs għat-tfal, bil-bidu u t-tmien tagħhom ikun fil-Palazz tal-Verdala fil-Buskett. Fil-fatt, persuni ta’ kull età pparteċipaw f’din l-inizjattiva mill-isbaħ.
Din l-attività ttellgħet ukoll flimkien mal-Malta Marathon u l-Obstacle Course Academy.
Għal din l-attività attendiet ukoll l-Eċċellenza tagħha l-President Myriam Spiteri Debono hekk kif din saret taħt il-patronċiju tal-President ta’ Malta. Spiteri Debono sostniet li r-rabtiet bejn popli differenti huma l-bażi tal-ħbiberija u l-paċi bejn in-nazzjonijiet. Għalhekk aċċennat għall-isptar Malti fil-Ghana bħala eżempju importanti ta’ rabtiet ta’ dawn t-tip.
Għalhekk sostniet l-importanza ta’ attivitajiet u inizjattivi ta’ dan it-tip li mhux biss jinċentivaw l-attività fiżika iżda wkoll għandhom għan nobbli fiċ-ċentru tagħhom.
Din l-inizjattiva saret bi tħejjija għall-maratona gbir ta fondi, bit-tema ‘Agħti t-Tama,’ b’risq l-isptar Malti fil-Ghana, li se ssir il-Hadd, 28 ta’ Lulju, li se tixxandar b’mod dirett ukoll fuq l-istazzjon ONE.