Madwar erba’ mitt Malti u Maltija għadhom barra mill-pajjiż għal raġunijiet differenti. Uħud minnhom għażlu li ma jirritornawx minħabba li fost raġunijiet oħra jinsabu f’żona fejn ippersista l-virus tal-COVID-19. Oħrajn qed jagħmlu l-aħħar arranġamenti biex jinġiebu lura Malta b’titjira ta’ ripatrijazzjoni.
Dawn qed ikunu organizzati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li waqqaf situation centre biex jikkordina dan ix-xogħol mal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.
It-Tnejn filgħodu ONE News żar dan l-uffiċċju, fejn is-situation manager, Gordon Formosa, spjegalna l-ħidma li qed issir 24 siegħa kuljum.
“Qegħdin xi 12-il ruħ jew 10 persuni fuq l-istazzjonijietu jkollna erba’ oħra f’uffiċċju ieħor iwieġbu emails, jaġġornaw id-dettalji tal-ivvjaġġar u jagħmlu x-xogħol amminstrattiv.” Stqarr Formosa.
L-uffiċċju ilu jopera għal madwar ġimagħtejn, u wieġeb madwar għaxart elef telefonata minn persuni li xtaqu jirritornaw f’Malta. Il-voluntiera fl-uffiċċju jagħmlu wkoll telefonati huma hekk kif ikollhom informazzjoni ta’ liema Maltin bħalissa jinsabu barra l-pajjiż.
Sa tmiem il-ġimgħa li għaddiet mat-850 Malti u Maltija jew persuni li jgħixu Malta nġiebu lura.
Formosa kompla jgħid, “Baqa’ xi 400 bejn wieħed u ieħor imma dawn huma persuni li jew iddeċiedew li se jibqgħu hemm jew qed jistennew biex jaraw kif se nirripatrijawhom.”
Din il-ġimgħa se jkun hemm żewġ titjiriet minn Londra għal Malta organizzati minn dan l-uffiċċju, kif ukoll titjira minn Frankfurt.
Filffatt it-Tnejn waslu Malta mas-76 persuna mill-ajruport ta’ Heathrow f’Londra.
Formosa qal ukoll li kull min b’xi mod kellu kuntatt mal-uffiċċju li qed imexxi bħalissa kkopera, iżda kellu dan l-appell għal dawk li għadhom maqbudin barra minn Malta.
Stqarr, “Ma jħallux għall-aħħar idealment. Jekk ikollna titjira nkunu avżajnihom u jridu jkunu deċiżi xi jridu jagħmlu.”
Minkejja kollox l-uffiċċju għandu l-appoġġ sħiħ tal-Gvern, l-imsieħba soċjali u anke tal-linja Nazzjonali tal-ajru, li lkoll għaddejjin b’ħidma sfieqa biex kull Malti jew Maltija li jrid jirritorna art twelidu jinġieb lura mill-aktar fis.
“Kellna ħafna appoġġ u l-kordinazzjoni jkolli ngħid hija tajba ħafna.” Ikkonkluda jgħid Formosa.