Parti mill-Learning Support Educators li ġew appuntati tliet snin ilu se jiżdiedu fil-paga wara aġġustament fl-iskala tas-salarju tagħhom.
Dan ġej wara ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT hekk kif dawk magħrufa bħala LSEs 2 saħansitra se jieħdu l-arretrati dovuti b’lura.
B’dan il-ftehim dawn l-edukaturi li jgħinu lil tfal b’attenzjoni partikolari fil-klassi se jitilgħu żewġ tarġiet fl-iskala tagħhom tax-xogħol.
Dwar dan One News tkellem mal-President tal-MUT Marco Bonniċi, li spjega li ‘dawk li daħlu wara l-2019 kienu qabżu s-salarju ta’ dawk li huma fl-2017 u l-2018. Jiġifieri kien hemm anomalija li dawk li ġew appuntati qabel kien żvantaġġjati viżavi l-iskala tas-salarju. Issa dik diġà aġġustata, ħa tkun anke backdated anke mill-2017 jew ll-2018 skond il-każ b’tali mod li inti issa erġajna ġibna l-komparabilità bejn il-gradi rispettivi’.
Dawn l-LSEs li anki daħlu wara l-elfejn u sbatax ukoll se jibbenefikaw minn żieda fis-salarju tagħhom. Fi stqarrija l-MUT esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal ftehim milħuq.
Intant fi stqarrija l-Gvern ukoll esprima s-sodisfazzjoni tiegħu b’rabta ma’ dan il-ftehim miluq. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi qal li b’hekk gwadanja wkoll l-istudent li ser ikun jista’ jibqa’ jirċievi l-aqwa edukazzjoni fil-vjaġġ edukattiv tiegħu:
‘Minħabba s-sitwazzjoni li rriżultat kienu qed jiġu mċaħħda minn struzzjoni addattata għalihom għaliex hawnekk qed nitkellmu fuq programmi edukattivi li jsiru skond il-ħtiġijiet ta’ kull student u studenta u allura qed nitkellmu fuq studenti vulnerabbli u din issa ġiet riżolta u allura issa dawm l-istudent ser igawdu minn servizzi edukattivi tajbin ħafna għal ġid tagħhom infushom’.