Madwar erba’ mitt delegat attendew ghall-Malta iGaming Seminar jew dak maghruf bhala MIGS f’pajjiżna li sar wieħed mill-aktar konferenzi importanti f’dan is-settur u parti integrali mill-kalendarju tal-Igaming.
Dan is-seminar li qed isir ghat-tmien darba f’Malta u għandu l-għan li taħt saqaf wieħed, joħloq diskussjoni bejn regolaturi, entitajiet tal-Gvern u anke fornituri tas-servizz bil-għan li jkompli jiżdied l-għarfien fis-settur tal-Igaming li kontinwament jinbidel u jevolvi.
Wieħed mid-diretturi tal-MIGS, Christian Sammut fisser kif dan is-seminar iservi wkoll ta’ opportunita biex l-imsieħba kollha involuti fil-qasam jaraw x’opportunitajiet jeżistu. Dan hekk kif stqarr li Malta toffri numru ta’ vantaġġi li permezz tagħhom numru ta’ kumpaniji tal-Igaming qed jespandu l-operat tagħhom f’pajjiżna:
“Wieħed mill-vantaġġi li għandna huwa li dan is-settur huwa wieħed mill-eqdem setturi fl-Ewropa. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea kellna liġi li biha ħafna operaturi għamlu l-bażi tagħhom f’pajjiżna u l-vantaġġ huwa li dawn l-operaturi qed ikomplu jinvestu f’pajjiżna”
Qal ukoll li Brexit jista’ jgib mieghu mhux biss sfidi izda anke opportunitajiet.
Stqarr li minkejja l-għexieren ta’ opportunitajiet, konxji ta’ sfidi li qed jaffacja dan is-settur bħalissa u li l-Awtorita Maltija tal-gaming qed tindirizza.
“Waħda mill-akbar sfidi li qed jaffaċċja dan is-settur huwa l-isfida tar-regolazzjoni, li fl-Ewropa qed issir ħafna aktar difficli. Malta għandha l-isfidi tagħha wkoll, bil-liċenzja Maltija dejjem tkun taħt pressjoni. Filfatt l-awtorità qed taħdem biex tagħmel overhaul tal-liġi Maltija, biex dan is-settur ikompli jikber f’pajjiżna ”
B’differenza mill-edizzjonijiet tas-snin imgħoddija, l-organizzaturi tal-MiGS din is-sena nedew inizjattiva ġdida biex jippromwovu l-impjegati li jaħdmu fil-komunità Maltija tal-iGaming.
Inizjattiva li tikkonsisti f’ċena gala bl-isem iGaming idol maħsuba biex tonorahom.
Dan l-avveniment tal-għoti tal-premjijiet hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-industrija tal-iGaming u hu maħsub li jagħraf lill-aħjar individwi f’kull settur tal-operat tal-iGaming f’pajjiżna.
Intant, min-naħa tiegħu, l-ministru għall-ekonomija, investiment u intrapriżi ż-żgħar, Chris Cardona tkellem dwar l-importanza li dan is-settur għandu għall-ekonomija Maltija kif ukoll dwar il-ħidma li qed issir biex dan is-settur jibqa’ miexi ‘l quddiem.