Madwar 400 bidwi se jkunu qed jibbenefikaw minn kumpens wara li sofrew danni fl-uċuh tar-raba tagħhom kawża ta’ maltempata qawwija fi Frar tas-sena l-oħra.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo li spjega kif permezz ta’ din l-iskema, li se tiswa’ miljun u nofs ewro, il-Gvern qed juri li huwa ta spalla mal-bdiewa.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur tal-Agrikoltura Saviour Debono Grech spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin il-bdiewa se jkunu qed jirċievu applikazzjoni fejn se jkollhom l-ammont dovut għalihom.
Debono Grech stqarr, “Ħa jintbagħtu xi ittri lill-bdiewa li ovvjament kienu sarulhom qisu surveys, ngħidulhom aħna meta saret il-maltempata. Dawn jistgħu jiġu diskussi mid-Dipartiment tagħna u minn hemmhekk ovvjament se jingħata dak l-ammont dovut lillhom.”
Il-Ministru Refalo qal kif din l-iskema ġiet approvata mill-Unjoni Ewropea.
“Aħna qegħdin nivvutaw is-somma ta’ €1.5 miljun fejn kull bidwi illi huwa attiv, sofra ħsarat fl-uċuħ tiegħu f’dik il-maltempata u għamel ir-rapport tiegħu. Aħna għamilna sena u nofs nieħdu d-data. Issa rajna x’inhu l-ammont u fi żmien ġimgħa, ġimagħtejn jekk Alla jrid sejirn jirċievu notifika bil-kumpens li huwa dovut lilhom.” Temm jgħid il-Ministru Refalo.