Wara talba mill-Gvern Grieg, erbgħin uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Malti, se jħallu pajjiżna biex jagħtu l-għajnuna f’operazzjoni tat-tifi tan-nar fil-Greċja.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Ħal Far, ingħataw id-dettalji b’rabta ma’ din l-operazzjoni, fejn ġie spjegat kif fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, diġà ntbagħtu bil-baħar lejn il-Greċja numru ta’ vetturi li se jassistu f’din l-operazzjoni.
Għada se jitilqu ħames uffiċjali biex jaraw li l-wasla tal-vetturi marret sew, filwaqt li t-Tnejn li ġej jitlaq l-ewwel kontinġent ta’ ħmistax-il uffiċjal. Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, dan il-kontinġent jitlaq lura u minfloku jmur tim ieħor ta’ għoxrin uffiċjal.
Mal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, se jingħaqdu wkoll żewġ voluntiera minn żewġ għaqdiet volontarji Maltin – EFRU u St John Rescue.
Fil-konferenza ġie spjegat li b’differenza għall-operazzjoni li saret is-sena li għaddiet, fid-dawl li t-temperatura mistennija tkompli tiżdied fil-jiem li ġejjin, din id-darba l-operazzjoni se ssir qabel bil-għan li tipprevjeni diżastri li jkunu riżultat tan-nirien li jinfirxu jew nuqqas ta’ riżorsi.
Il-post din id-darba wkoll se jkun differenti. Is-sena l-oħra, l-uffiċjali Maltin marru fl-inħawi ta’ Ancient Olympia, filwaqt li din is-sena se jmorru Patras – li huwa aktar viċin t’Ateni.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, taw is-serħan il-moħħ li minkejja li se jkun hem mir-riżorsi Maltin barra ’l pajjiż, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkollu r-riżorsi kollha li hemm bżonn lokalment biex jekk jinqala’ xi ħaġa, dejjem ikun lest biex jassisti f’kull eventwalità.