Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, iċ-ċittadini Maltin li siefru kienu jgħoddu għal kważi mija u disgħin elf persuna.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li kien hemm żieda ta’ kważi ħamsin elf persuna, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li l-Italja baqa’ l-aktar pajjiż li fih ċittadini Maltin siefru lejh, bejn April u Ġunju li għadda. Dan hekk kif lejn dan il-pajjiż ġar tagħna siefru aktar minn ħamsa u sebgħin elf persuna. Wara jsegwu r-Renju Unit, Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda.
Hawnhekk ħareġ, li f’dan il-perjodu l-aktar etajiet li siefru kellhom bejn il-25 u l-44 sena u wara jsegwu dawk li għandhom bejn il-45 u l-64 sena.
Skont l-NSO ħareġ ukoll li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena l-għadd ta’ turisti kien ħafna aqwa meta kkumparat mal-ewwel nofs tas-sena l-oħra. Dan hekk kif bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-ammont ta’ Maltin li siefru kien jammont għal kważi tlett mija u ħamsin elf persuna. Dan ifisser żieda ta’ kważi mija u għoxrin elf persuna, meta mqabbel ma’ sena ilu.