Fil-gżira Għawdxija qiegħed jinbena l-Mużew ta’ Għawdex, li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’din il-gżira. Erbgħin fil-mija tax-xogħol fuq dan il-bini diġà tlesta, u l-kostruzzjoni tinsab għaddejja b’ritmu tajjeb.
B’investiment ta’ disa’ miljun ewro, dan huwa l-ikbar investiment li qiegħed isir f’Għawdex, li fih se jospita esebizzjonijiet permanenti, kif ukoll temporanji.
Il-Ministru għal-Għawdex, Clint Camilleri spjega li l-mużew se jservi bħala attrazzjoni ġdida u unika li se tapprezza l-kultura tal-gżira ta’ tliet għoljiet.
Il-Ministru Camilleri qal, “Se nkomplu għaddejjin b’din il-ħidma ma taqta’ xejn sabiex fix-xhur li ġejjin jibda jitla’ x-xogħol ‘il fuq mil-livell tat-triq u jidher aktar anke mill-pubbliku sabiex aktar ‘il quddiem jibda l-proċess tal-aħħar xogħol fuq il-proġett u għalhekk inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma u investiment kulturali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Kulturali, José Herrera spjega li dan il-Mużew se jagħti r-rikonoxximent għall-wirt kulturali Għawdxi.
Il-Ministru Herrera sostna: “Qed nieħu gost li dan il-proġett qed isir flimkien mal-Ministru Clint Camilleri, l-Ministru għal Għawdex, jiġifieri x-xogħol qed isir b’ħidma minn Hertitage Malta u l-Ministeru għal Għawdex u jidher li hawn koordinament tajjeb ħafna. Ġejna biex naraw ix-xogħol u biex nispezzjonaw ftit u jkolli ngħid li kuntent u sodisfatt ħafna bir-rata ta’ kif qed isir dan ix-xogħol.”
Ritratti: MGOZ