Pensjonanti li jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol, se jibqgħu jiġu ppremjati mill-gvern Laburista.
Fil-qari tal-Budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, ħabbar li 40 fil-mija tad-dħul mill-pensjoni tal-anzjani attivi, mhux se jibqa’ jiġi kkalkulat bħala dħul għall-fini tat-taxxa.
Intant, fil-Budget għas-sena d-dieħla tħabbar ukoll li se jiżdied b’€50 l-bonus ta’ kull sena għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni peress li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.
Is-sena d-dieħla dan se jitla’ għal €450 fis-sena għal dawk il-persuni li ħallsu anqas minn 5 snin kontribuzzjonijiet, filwaqt li għal dawk li ħallsu aktar minn 5 snin imma inqas minn 10 snin bolol, il-bonus se jiżdied għal €550.
Mal-15,000 persuna se jkunu qed igawdu minn din il-miżura, l-iktar nisa miżżewġa, b’nefqa totali ta’ kważi €800,000.