Bħal-lum 40 sena, kienu ġew sparati żewġ tiri li ħasdu lid-dinja kollha.
Dan wara li t-tiri sparati minn Ali Agca laqtu u darbu serjament lill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, li kien wieħed mill-aktar Papiet maħbuba li kellha l-Knisja Kattolika fl-istorja moderna.
Nhar it-13 ta’ Mejju 1981, fil-5:00 ta’ filgħaxija, Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien qiegħed idur fi Pjazza San Pietru fuq Popemobile fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa.
Kif spjega f’deskrizzjoni perfetta, l-Ambaxxatur għal Malta fil-Vatikan, Frank Zammit, l-atmosfera ta’ ferħ, eċitament u devozzjoni nbidlu f’waħda ta’ biża’ u paniku, hekk il-Papa deher jaqa’ mal-art, mingħajr ma jitħarrek.
Zammit spjega kif dawk preżenti setgħu jinnutaw ukoll il-faxxa Papali tittebba’ bid-demm.
Il-Papa kien ittieħed l-isptar Gemelli fejn kien ġie operat u ħajtu ġiet salvata.
Il-Papa kien ħafer lit-Tork Ali Agca u saħansitra kien żaru fil-ħabs.