40 sena tisħaq bl-attiviżmu tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Bdiet mix-xejn iżda llum kulħadd jirrikonoxxi li kienet dejjem hemm u fuq quddiem nett.
Renee Laiveira, illum Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza għadha kif ingħatat l-unur tal-Honoris Causa bħala rikonoxximent għal ħidma tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza mill-Università ta’ Malta. Il-Kummissarju Laiviera qalet illi dan ir-rikonoxximent huwa mertu ta’ diversi nies li flimkien magħha ħadmu sabiex jidħlu fis-seħħ drittijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.
Hija qalet li ta’ 28 sena hija kienet tfajla li marret kontra l-kurrent: “Il-mamà tiegħi ma ħadet pjaċir xejn, qaltli inti disgrace għar-raġel tiegħek, għax għaliha kont qed inwaqqgħu għaċ-ċajt f’għajnejn is-soċjetà li jien qed noħroġ naħdem. Ir-raġel tiegħi ma jkollox problem ta’ din il-kwalità u mnalla. Għalhekk probabilment iżżewiġna, konna naħsbu bl-istess mod.”
Snin ilu Renee Laiviera spjegat li l-mentalità kienet differenti u saħansitra anki sofriet minn diskriminazzjoni għax kienet mara miżżewġa. Laiviera spjegat: “Kont nara tfajlijiet ħerġin mill-iskola bl-O’levels, mhux għax kelli xi ħaġa kontra tagħhom, imma jien kelli ħafna aktar kwalifiki, imma kienu jieħdu x-xogħol huma u mhux jien, għax jiena miżżewġa.”
Iżda minkejja l-isfidi li ltaqgħet magħhom ma ħalliet l-ebda diskriminazzjoni taqtalha qalbha. Hija sostniet: “Meta tkun qed taħdem f’dan il-qasam, inti trid ikollok dik ix-xi ħaġa li inti bl-Ingliż ngħidu you question the status quo, illi dak li hemm madwarek u li inti tħoss li mhuwiex tajjeb għalik, inti tmur kontrih, għax tgħid isma jiena minix kuntenta.”
Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qalet li sa 20 sena ilu qajla konna niddiskutu l-vjolenza u l-abbużi fuq in-nisa.
Filwaqt li ħarset lura biex timxi ‘l quddiem, Renee Laiviera qaltilna li llum hemm sfidi oħra biex l-ugwaljanza jkun prinċipju tassew imħaddan.