Illum il-pulizija rċeviet rekord ta’ erbgħin rapport dwar messaġġi qarrieqa hekk kif fl-aħħar sigħat, mill-kontijiet bankarji nġibdu aktar minn ħamsin elf ewro.
Għaldaqstant, għal darb’oħra l-pulizija appellat biex il-pubbliku ma jaqax għall-messaġġi qarrieqa.
Fi stqarrija, il-pulizija qalet li f’dawn il-messaġġi, il-kriminal qed jagħmel użu minn ħwienet lokali fosthom operaturi postali jew xi notifika mill-bank.
Minn April s’issa, il-pulizija kienet mitluba tagħti assistenza teknika f’aktar minn erba’ mitt rapport liema rapporti jirrigwardaw madwar erba’ mitt elf ewro.
Il-pulizija sostniet li jekk wieħed kellu jifli mill-qrib il-links li jitbagħtu, il-URL ma jkunx ġenwin minkejja li jkun simili għal dak tal-kumpanija involuta.
L-istqarrija temmet tgħid li persuna li ssib ruħha f’nasba qarrieqa, għandha tavża lill-bank tagħha mill-aktar fis u tagħmel rapport mal-pulizija.