“Ladarba pulizija, għal dejjem tibqa’ pulizija”. Din kienet il-frażi fuq fomm l-40 pulizija li ngħataw il-ħatra fil-grad ta’ pulizija part-time jew kif inhuma magħrufa bħala kuntistabbli tar-riserva, waqt ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ippresedew il-ġurament tal-ħatra ta’ dawn il-pulizija, 36 raġel u erba’ nisa, li minn issa ’l quddiem se jservu ta’ support f’oqsma varji tal-Korp fejn tinħtieġ l-għajnuna.
F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru Abela spjega li wara li jtemmu l-25 sena servizz, il-pulizija huma intitolati għall-pensjoni tas-servizz flimkien mad-dritt li jagħmlu xogħol ieħor. Semma li l-Ministeru għaraf li numru ta’ pulizija li jkunu qegħdin f’din is-sitwazzjoni jkollhom ir-rieda u l-ħiliet neċessarji biex ikomplu jservu f’xogħol pulizjesk.
Għaldaqstant dan il-potenzjal ingħata valur u fl-aħħar ġimgħat il-Korp beda proċess ta’ ingaġġ biex dawk li temmew il-25 sena servizz u xtaqu jibqgħu jkunu ta’ benefiċċju għad-doveri tal-pulizija, ingħatatilhom din l-opportunità. Dan iċ-ċans ingħata wkoll lil dawk il-pulizija li fil-passat servew fil-Korp bħala full-time u minħabba ċirkostanzi personali kellhom jitilqu mill-Korp u issa qegħdin f’pożizzjoni li jerġgħu jservu fuq bażi part-time.
“Għarafna li l-imħabba lejn l-uniformi u s-servizz hija vokazzjoni li mhix waħda li intom faċli twarrbuha. Użaw dan iċ-ċans biex tgħaddu l-imħabba proprja li għandkom lejn ix-xogħol pulizjesk lill-kollegi iżgħar”, qalilhom il-Ministru Abela, filwaqt li appella biex jaqsmu l-għarfien, l-esperjenza u l-entużjażmu li kisbu matul is-snin mal-kollegi tagħhom, li forsi għadhom kemm bdew karriera pulizjeska u jkunu għalihom spalla ta’ gwida għal pariri siewja.
L-40 pulizija tar-riserva se jkunu qed jaħdmu minn 23 siegħa fil-ġimgħa sa massimu ta’ 35 siegħa fil-ġimgħa. Dawn il-pulizija ġejjin minn diversi oqsma tal-Korp kemm dawk distrettwali u skwadri speċjalizzati.
Huma se jkunu qed iservu ta’ support biex tkompli tissaħħaħ b’mod partikolari r-riżorsa umana fl-għasses distrettwali.
Matul il-proċess tal-ingaġġ, l-applikanti eliġibbli ġew intervistati minn bord ta’ għażla u assessjati fuq oqsma relatati mal-karriera tagħhom fis-servizz fosthom, reati dixxiplinarji, il-motivazzjoni tagħhom, il-personalità, l-għarfien u l-ħila pulizjeska kif ukoll ġew eżaminati medikament mit-tabib tal-Korp.