Minn tal-inqas 40 ruħ tilfu ħajjithom traġikament u għexieren oħra ndarbu fl-Indja wara li xarabank waqgħet f’wied qalb il-muntanji fl-istat ta’ Himachal Pradesh. Minn tal-inqas 60 passiġġier kienu rekbin xarabank mimlija daqs bajda bin-nies tant li kien hemm xi nies fuq is-saqaf, meta għal xi raġuni tilfet il-kontroll b’konsegwenza li għelbet għal ġo wied fond ta’ 150 metru.
Dawn l-inċidenti mhumiex fula f’qargħa fl-Indja, tant li l-istat ta’ Himachal Pradesh biss irreġistra iktar minn 30,000 inċident fl-aħħar għaxar snin. Skont it-Times tal-Indja aktar minn 11,000 ruħ inqatlu u madwar 54 elf oħra indarbu matul dawn is-snin.