Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, Silvio Parnis, qassam l-ittri ta’ fthemin dwar il-fondi tal-iskema għall-attivitajiet sportivi u fiżiċi lill-40 Kunsill Lokali u l-kumitat Reġjonali tax-Xlokk.
Il-fondi allokati għal din l-iskema jammontaw għal €98,000. Din l-iskema tgħin lill-Kunsilli biex jippromwovu l-ħajja attiva fil-lokalitajiet tagħhom biex ukoll iħeġġu lir-residenti jkunu aktar sportivi u jħeġġuhom jagħmlu aktar eżerċizzju li apparti jtejjeb is-saħħa fiżika u mentali, jgħin inaqqas ir-riskju ta’ diversi mard.
L-attivitajiet fiżiċi ngħataw priorità fir-riforma li qed issir fil-Gvern Lokal. Il-kumitati Reġjonali se jibdew jindukraw attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-Kunsilli Lokali fuq bażi reġjonali li se jibdew jikkoordinaw attivitajiet sportivi u fiżiċi mal-Kunsilli. Intant, f’kull kunsill se jibda jkun hemm kunsillier responsabbli għall-isports u l-attivitajiet fiżiċi.
Is-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, temm jgħid li ħidmet il-kunsilli hija li jiżguraw ħajja aħjar lir-residenti li jirrapreżentaw, u minkejja li xogħolhom mhux dejjem ikun jinħass b’mod immedjat, xorta waħda ikunu qegħdin jaħdmu għal ġid tal-lokal.