Tpoġġew mal-40 ballot bin fil-bajjiet bir-ramel madwar il-gżejjer Maltin. Dawn il-bins qed jitwaħħlu bħala parti mill-kampanja ‘Saving Our Blue’, bl-għan li jitkattar l-għarfien dwar il-protezzjoni ambjentali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, li spjegat kif, permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex il-loqom tas-sigaretti ma jkomplux jintremew b’mod irresponsabbli fil-bajjiet.
Fil-fatt, fid-diversi bajjiet, il-pubbliku se jsib diversi bins tal-kampanja “Don’t Litter with your Filter”.
Ġie spjegat ukoll li, minn stħarriġ li sar mill-istess Ministeru fl-2021, irriżulta li 98.1 fil-mija tal-individwi f’Malta li jpejpu jafu li r-rimi fl-ambjent huwa illegali, filwaqt li 11 fil-mija ta’ dawk li jpejpu jammettu li xorta waħda jarmu l-loqom tas-sigaretti fl-art.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-loqom tas-sigaretti jaqgħu fil-kategorija tal-plastik li jintuża darba biss għax huma magħmula mill-plastik. Dawn jieħdu għaxar snin biex jiddiżintegraw.
Irrimarkat ukoll li, waqt diversi tindifiet organizzati bħala parti mill-kampanja ‘Saving Our Blue’ tul is-snin, deher biċ-ċar li l-loqom tas-sigaretti huma fost l-aktar skart li jinġabar mill-bajjiet.
Qalet, “Nedejna din l-inizjattiva fejn qed nagħmlu dawn il-ballot bins fuq il-bajjiet tagħna biex,, min ikun qiegħed ipejjep flok jarmi l-loqom tas-sigaretti fuq il-bajja juża’ dawn il-ballot bins apposta, li għandhom ukoll mistoqsijiet interessanti u light, u jkun jista’ jarmi l-loqom tas-sigaretti hemmhekk.”
Mal-25 kontenitur tpoġġew f’bajjiet differenti, fosthom fl-Armier, l-Għadira, Golden Bay, Għajn Tuffieħa, il-Ġnejna, Little Armier, Paradise Bay, fil-Bajja s-Sabiħa, il-Bajja ta’ San Ġorġ, u fil-Bajja tat-Torri l-Abjad.
Tpoġġew ukoll mal-15-il kontenitur f’Għawdex u Kemmuna, fil-Blue Lagoon u f’Santa Marija, f’Daħlet Qorrot, f’Ħondoq ir-Rummien, f’Marsalforn, fi Mġarr ix-Xini, fir-Ramla l-Ħamra, f’San Blas, fix-Xlendi u fix-Xwejni.