Matul l-elfejn tlieta u għoxrin, Malta esportat b’kemm jiswew kważi mitejn miljun ewro f’tonn lejn diversi pajjiżi, fosthom il-Ġappun. Dan, iżda, fisser tnaqqis ta’ kważi erbgħin fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, anke jekk ipproduċejna l-akbar ammont fl-aħħar erba’ snin.
Dan it-tagħrif ingħata mill-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akkwakultura, wara ċifri tal-NSO indikaw din id-daqqa qawwija, simili għal dak li seħħ ukoll f’pajjiżi oħrajn.
F’isem il-federazzjoni, Dr Charlon Gouder qal li dawn iċ-ċifri huma l-kaġun ta’ diversi kwistjonijiet fis-suq, li wkoll wasslu biex il-valur tal-prodott lokali jonqos bin-nofs.
Qal li kien għaqli li, fl-aħħar żmien, il-federazzjoni u l-Gvern ħadmu biex jinstabu swieq ġodda għall-industrija lokali, magħrufa li tipproduċi fost l-aħjar tonn, anke għax l-industrija ma tiflaħx għal daqqa oħra simili.