Minkejja li għadhom lanqas biss fetħu l-applikazzjonijiet, diġà hemm madwar erbgħin bejn tfajliet u nisa, li wrew l-interess tagħhom biex jipparteċipaw fil-programm LEAD.
Dan hu programm maħluq apposta biex ikompli jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, u li mistenni jgħinhom jagħmlu l-pass li jmiss, dak li jikkontestaw elezzjoni.
Apparti t-tnedija tal-midja soċjali tal-programm, illum ittellegħet sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba bil-parteċipazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, u l-Avukata Deborah Schembri.
Dawn spjegaw li l-etajiet ta’ dawk interessati ivarjaw minn tfajliet ta’ 16-il sena, sa nisa ta’ 62 sena. L-applikazzjonijiet mistennija jiftħu b’mod uffiċċjali fit-tmienja u għoxrin t’Awwissu.
Iżda l-ewwel nett, x’kien dak li wassal biex jingħata bidu għal dan il-programm ambizzjuż?
“Wara li għaddiet l-aħħar elezzjoni ġenerali kien ta’ diżappunt għalina meta rajna l-ammont ta’ nisa li għandna jirrappreżentawna. Dik se tkun l-għan tal-inizjattiva li jisimha LEAD, biex nattiraw tfajliet u nisa minn 16-il sena ‘l fuq, li jixtiequ jikkontribwixxu fil-PL, u għall-pajjiż kollu kemm hu,” qalet dan Miriam Dalli.
Dalli tkellmet ukoll dwar il-miri li hemm marbutin mal-programm LEAD.
Hi qalet li “Imponejna fuqna nfusna persentaġġi li rridu nkunu ċerti li se nilħqu. Sas-sena 2027, jiġifieri żewġ elezzjonijiet minn issa, jkollna ħamsin fil-mijja tal-kandidati ġejjin miż-żewġ sessi. Għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew irridu 40% nisa, u tal-kunsilli 35% nisa. Għall-tal-2022 35% tal-kandidati nisa u ta’ wara 50% nisa għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.”
U fiex se jkun qed jikkonsisti dan il-programm?
Dalli sostniet li “Se jkollna dik li tissejjaħ il-parti tal-mentoring, fejn dawn jiltaqgħu ma’ nies li diġa huma stabbiliti fil-politika. Se nkunu qed nagħmlu development programm fejn dawn iħeġġiġhom b’iktar entużjażmu għal attivitajiet politiċi.”
L-Avukat Deborah Schembri qalet li dan il-programm se jkun qed isaħħaħ lil dawk in-nisa li huma mħajjra, iżda ma jixtiequx jagħmlu dan il-pass waħidhom.
Hi qalet li “dan il-programm se jkun qed jagħti empowerment lin-nisa li jkunu jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom.. iżda jkun jonqoshom dik id-daqsxejn kunfidenza.”
Wieħed jista’ jsegwi l-andament ta’ LEAD permezz tal-websajt www.lead.org.mt, jew fuq Facebook, Twitter, jew Instagram